Il-“Linji Gwida li jirregolaw l-użu ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem mingħajr Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq” (DH circular 137/04) inħarġu f’Ġunju 2004 u twaqqaf il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Mhux Liċenzjati. It-Taqsima Farmaċewtika hija responsabbli għall-ipproċessar ta’ talbiet individwali għal prodotti mediċinali minn min jippreskrivi u għall-użu dipartimentali fi sptarijiet pubbliċi u sptarijiet privati.
Fis-sena 2006, il-kumitat irreveda u emenda ċ-Ċirkulari DH 137/2004 u ħareġ iċ-Ċirkulari DH 270/06 rilevanti f’Settembru 2006. Din iċ-ċirkulari tispjega l-“Linji gwida għall-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem permezz ta’ proċessi li mhumiex koperti mill-Att dwar il-Mediċini, 2003 u l-leġiżlazzjoni sussidjarja tiegħu (prodotti mediċinali mhux liċenzjati)” u tinkludi l-forom li ġejjin:
Formola I: Talba għall-użu ta’ prodott mediċinali mhux liċenzjat fuq bażi ta’ pazjent imsemmi, għal pazjent speċifiku (tapplika għas-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern)
Formola II: Talba għall-użu ta’ prodott mediċinali mhux liċenzjat minn Dipartiment ta’ Sptar fi ħdan is-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern
Formola III: Talba għall-użu ta’ prodott mediċinali mhux liċenzjat minn Sptar/Klinika fil-prattika privata
Dawn il-formoli ta’ talba jintbagħtu lit-Taqsima Farmaċewtika għall-ipproċessar.