​​Din it-taqsima twettaq dmirijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni lokali (Ordinanza dwar il-Professjonijiet Mediċi u Qrib Kap. 31, Ordinanza dwar Drogi Perikolużi Kap. 101​ ) u minn obbligi internazzjonali peress li Malta hija membru tal-UE u firmatarja tat-Trattati Internazzjonali dwar il-Kontroll tad-Droga, jiġifieri l-Konvenzjoni Waħdanija tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi, il-Konvenzjoni tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi u l-Konvenzjoni tal-1988 kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi.

Ix-xogħol amministrattiv u tekniku relatat ma’ sustanzi kkontrollati (drogi narkotiċi, sustanzi psikotropiċi u kimiċi prekursuri wżati fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi) jinkludi l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet lil negozjanti bl-ingrossa liċenzjati biex jimportaw/jesportaw dawn is-sustanzi u l-ħruġ ta’ approvazzjonijiet għal sustanzi relatati mal-amfetamina (eż. dexamphetamine) lil pazjenti li jeħtieġuhom. Il-politiki u l-leġiżlazzjoni relatati ma’ tali sustanzi kkontrollati huma stabbiliti u aġġornati biex jinkorporaw rekwiżiti lokali, obbligi internazzjonali u Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Negozjanti bl-ingrossa liċenzjati jistgħu jniżżlu l-formola tal-mudell biex ikunu jistgħu jqiegħdu tali sustanzi fis-suq minn din il-websajt.