Il-funzjoni u r-responsabbiltajiet tad-Dipartiment tar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa / Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika hija li jissalvagwardja s-saħħa pubblika, jagħti liċenzji, jissorvelja u jispezzjona l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa sabiex jiżgura l-kwalità u s-sigurtà tagħhom, u jirrakkomanda l-istandards li għandhom jintlaħqu mill-fonituri tal-kura tas-saħħa u jagħti pariri lill-Ministru dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa pubblika.

Il-funzjonijiet u d-dmirijiet tad-Dipartiment jinkludu:

  • jifformula regolamenti u standards skont id-direzzjoni tal-Gvern u jassigura l-infurzar tagħhom;
  • jagħti pariri lill-Gvern fuq aspetti ta’ regolamentazzjoni tas-saħħa pubblika dwar ikel, mediċini, prodotti tad-demm, organi u professjonisti tas-saħħa;
  • jirċievi u jipproċessa applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzi għal kull servizz tas-saħħa, spiżerija, u servizzi oħra li jaqgħu taħt ir-regolamenti tas-saħħa pubblika u offruti minn fornituri ta’ servizzi tas-saħħa;
  • jevalwa, jakkredita, u joħroġ liċenzi dwar sistemi, policies, aġenziji, entitajiet, u fornituri privatita’ servizzi tas-saħħa fejn is-sigurtà tal-istituzzjoni u tal-għoti tas-servizz ikunu assigurati;
  • jissorvelja u jassigura li jinżammu l-istandards u r-regolamenti tas-saħħa pubblika f’bini u entitajiet oħra liċenzjati kif xieraq;
  • jagħti pariri lill-Gvern fuq aspetti tat-tħejjija għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika u jikkordina programmi ta’ rispons għall-emerġenzi;
  • jissalvagwardja s-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku permezz tal-infurzar tar-regolamenti nazzjonali u internazzjonali u tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa pubblika;
  • jipprevjeni mard li jittieħed u li ma jitteħidx u jissorvelja u jikkontrolla sabiex jipproteġi l-pubbliku ġenerali minn mard simili;
  • jiżviluppa, jikkordina u jivvaluta diversi programmi ta’ monitoraġġ ambjentali mmirati biex inaqqsu l-perikli għas-saħħa u jippromwovu s-saħħa ambjentali;
  • iżomm netwerking nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika u jirrappreżenta lill-Gvern f’fora internazzjonali relatati mas-saħħa pubblika;
  • jippromwovi r-riċerka, t-tagħlim u t-taħriġ;
  • jikkopera ma’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, partikolarment mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea involuti fis-saħħa, dwar kwistjonijiet fil-kompetenza tad-dipartiment;
  • jimplimenta kwalunkwe materja oħra meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tad-dipartiment, u għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet li jappartjenu lill-Istat.

jimplimenta kwalunkwe materja oħra meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tad-dipartiment, u għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet li jappartjenu lill-Istat.